Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa konsultattiva qabel il-Budget 2027 mal-membri tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering, l-ACE. Matul il-laqgħa l-ACE ppreżentaw il-proposti tagħhom għall-Budget 2027 u ġew diskussi wkoll il-prijoritajiet tas-settur għax-xhur li ġejjin.
Il-Prim Ministru saħaq li s-settur tal-catering għandu rwol importanti fl-ekonomija ta’ pajjiżna u huwa wkoll parti integrali mill-prodott turistiku u mill-identità ta’ Malta u Għawdex. Is-sidien tal-istabbilimenti, il-ħaddiema u l-professjonisti kollha li jaħdmu f’dan il-qasam qed jikkontribwixxu ta’ kuljum għal esperjenza li tmur lil hinn minn dik purament kulinarja.
Permezz tas-servizz u l-ospitalità tagħhom, dawn qed ikomplu jsaħħu l-kultura, it-tradizzjonijiet u l-ospitalità Maltija fost dawk kollha li jżuru pajjiżna, filwaqt li joffru wkoll esperjenza ta’ kwalità lir-residenti li jagħżlu li jżuru l-istabbilimenti tagħhom.
Dr Abela sostna li l-Gvern jinsab impenjat biex is-settur turistiku jkompli jimxi lejn mudell dejjem aktar ibbażat fuq il-kwalità, il-valur u s-sostenibbiltà. Huwa kompla jgħid li, hekk kif dan is-settur qed jikseb riżultati pożittivi, jeħtieġ li tkompli l-ħidma biex inkomplu nibnu fuq dan is-suċċess b’mod sostenibbli, b’enfasi dejjem akbar fuq il-kwalità, il-valur ekonomiku u l-benefiċċju għall-komunitajiet.
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru rrefera għall-ħidma li qed tintensifika sabiex is-suċċess turistiku ma jitkejjilx biss bin-numru ta’ wasliet, iżda wkoll bil-kwalità tal-esperjenza, bil-valur ekonomiku maħluq u bil-benefiċċji li jitħallew fiż-żoni u fil-komunitajiet li jilqgħu lill-viżitaturi.
Il-Prim Ministru saħaq li, sabiex pajjiżna jkompli jibni fuq dan is-suċċess, il-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fin-nies, fil-ħaddiema u fil-ħiliet tagħhom, kif ukoll li jkompli jappoġġja investiment privat ta’ kwalità.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministri Anton Refalo, Silvio Schembri, Miriam Dalli, Clyde Caruana, Jo Etienne Abela, Alison Zerafa Civelli u Malcolm Paul Agius Galea u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.